Nota mid-Direttur Artistiku

Nota mid-Direttur Artistiku

Spazju Kreattiv bħala l-Qalba tal-Kreattività huwa l-messaġġ fuq xiex qed tinbena l-viżjoni artistika għas-snin li ġejjin. Fl-irwol il-ġdid tiegħi qed naħdem qatigħ mat-tim eċċellenti li għandna sabiex minkejja d-diffikultajiet tal-pandemija nwasslu programm msawwar b’avvenimenti varjati. Filfatt l-istaġun li hawn preżentat huwa parti minn proċess kontinwu li jħares li jippromwovi l-eċċellenza artistika, ħidma diretta mal-kommunitajiet u gruppi varji, u kollaborazzjonijiet internazzjonali. Dawn huma l-prinċipji starteġiċi li fuqhom ħa nikkonċentraw ħidmietna sabiex nilħqu l-livelli mistenijja minn entita’ nazzjonali kreattiva bħal tagħna. 

Bil-fuq minn 400 inizjattiva u 320 kollaboratur differenti, il-programm ta’ din is-sena ser joffri diversita’ ta’ 17 il-forma kreattiva għall-gosti ta’ kulħadd. Il-proġetti magħżula ħa jkunu qed jesponu xogħol minn artisti stabbiliti, inizjattivi ma’ kreattivi emerġenti, avvenimenti maħduma flimkien ma’ organizzazzjonijiet volontarji u kommunitajiet varji, u sħubiji ma’ imsieħba nternazzjonali.

Tul dawn ix-xhur kien hemm strateġija ċara sabiex dawk l-inizjattivi li ħa jiġu preżentati ikollhom mhux biss qafas kreattiv b’saħħtu, imma anki jittrattaw temi soċjali li huma pertinenti għall-udjenzi tagħna, bil-għan li noħolqu opportunita’ għal skambju kontinwu t’opinjonijiet u ideat.

Filwaqt li ħa nkunu qed naħdmu sabiex ntejjbu l-esperjenza fiżika għal dawk li jattendu l-proġetti fil-binja tagħna, din is-sena ser inkunu qed nippreżentaw ukoll pjattaforma olistika onlajn li toffri opportunitajiet interattivi għal dawk li jippreferu jesperjenzaw l-avvenimenti b’mod virtwali. F’dan l-ambitu, l-programm ser iħares li jilħaq udjenza akbar permezz ta’ serje ta’ tours virtwali tal-esibizzjonijiet, galleriji onlajn tax-xogħol artistiku, features esklussivi mal-artisti kollaboraturi, opportunitajiet ta’ on demand għal produzzjonijiet t’arti performattiva, trażmissjonijiet ta’ diskussjonijiet onlajn, podcasts, arkivju interattiv ta’ xogħlijiet passat u ħafna aktar. 

Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħidma tagħna ser twassal biex Spazju Kreattiv ikun tabilħaqq pjattaforma fejn l-arti u l-kreattività ikunu aktar aċċessibbli u ta’ riljev mhux biss għas-settur kreattiv imma anki għal kommunitajiet oħra lokali u nternazzjonali. Grazzi mill-qalb lil kull min qed jaħdem magħna, l-artisti, l-imsieħba, l-udjenzi, u dawk kollha li ser ikunu qed jgħixu din l-esperjenza kreattiva magħna fix-xhur li ġejjin.

Daniel Azzopardi